Simbolu Ufficjali tal-Gvern ta' Malta Ufficcju tal-Prim Ministru
Ufficcju tal-Prim Ministru
spacer  
top background
Pagna Ewlenija
Il-Prim Ministru
Is-Segretarju Parlamentari
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni
Is-Segretarju tal-Kabinett
Is-Segretarju Permanenti, OPM
Segretarjat EU
Management and Personnel Office
Central Information Management Unit
Diviżjoni għall-Koordinazzjoni ta’ l-Ippjanar u l-Prijoritajiet
Department ta’ l-Informazzjoni
Forzi Armati ta’ Malta
Servizzi Elettroniċi tal-OPM
Is-Servizz Pubbliku
Gov.mt
Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali
 

Curve

 

 
Il-Berga ta' Kastilja
 
Ritratt tal-Berga ta' Kastilja


Meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann bnew il-Belt Valletta huma bnew ukoll bereġ (jew alloġġi) għal seba’ mit-tmien langues (lingwi jew nazzjonalitajiet) tagħhom. Il-bereġ inbnew l-aktar biex iservu ta’ residenza għall-kavallieri li ma kellhomx djar tagħhom f’Malta. Intużaw ukoll biex jospitaw nies prominenti li fil-vjaġġi tagħhom żaru Malta u ma kellhomx fejn joqogħdu.

Il-Berġa ta’ Kastilja kienet is-sede uffiċjali tal-kavallieri tal-Lingwa ta’ Kastilja, Leon u l-Portugall, waħda mill-aktar lingwi b’saħħithom ta’ l-Ordni. Il-kap ta’ din il-lingwa kien jokkupa l-kariga ta’ Gran Kanċillier. Il-kavallieri ta’ din il-lingwa kellhom ir-responsabbiltà li jiddefendu s-Sur ta’ Santa Barbara tal-Belt.

Il-Berġa ta’ Kastilja tinsab fl-ogħla parti tal-Belt Valletta u oriġinarjament kienet tħares fuq il-medda tal-kampanja li kienet tinfirex quddiemha, veduta aqwa minn dak ta’ kull bini ieħor tal-Belt.

Il-Berġa oriġinali nbniet fl-1574 mill-arkitett magħruf Ġlormu Cassar. Sarilha tibdil estensiv u prattikament reġgħet inbniet mill-ġdid fl-1741. Il-pjanta preżenti ta’ l-istruttura hi meqjusa bħala xogħol ta’ Andrea Belli. Il-Berġa għandha bitħa ċentrali bi kmamar fi tlitt iġnub li tidħol għalihom minn kurituri bi ħnejjiet u bil-ġenb l-ieħor li jostor il-kmamar ewlenin fil-piano nobile.

Il-bini hu l-ifjen eżempju ta’ arkitettura barokka tas-seklu tmintax fil-Belt Valletta. Il-faċċata hi rikka, imma mhux mgħobbija b’tiżjin żejjed, u l-proporzjon fit-tqassim, l-aktar fl-arranġament tat-twieqi, hu mill-isbaħ. It-tiżjin insibuh l-aktar fil-gwarniċun f’forma ta’ kuruna, fil-gwarniċa u l-burdura tat-twieqi u, fuq kollox, fil-bukkett ta’ skultura miġbur fil-punt ċentrali li hu tabilħaqq rikk.

Wieħed jasal għall-kmamar ewlenin permezz ta’ taraġ fuq barra f’Misraħ Kastilja u permezz ta’ taraġ maestuż li, kemm fl-idea kif ukoll fl-esekuzzjoni, hu mżejjen bi grad għoli ta’ bravura arkitettonika.

Il-bini ġarrab ħsarat fl-assedju tal-forzi Franċiżi (1799–1800) kif ukoll fit-Tieni Gwerra Dinjija (1939–1945).

Wara t-tluq tal-Kavallier ta’ San Ġwann il-Berġa ta’ Kastilja serviet bħala l-kwartieri ġenerali tal-forzi Franċiżi bejn l-1798 u l-1800, u bħala l-kwartieri ġenerali ta’ l-Armata Ingliża wara l-1800. Bdiet tintuża bħala l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-1972.

Agħfas hawn biex tara virtual tour tal- Berġa ta' Kastilja.


spacer
Drittijiet ta' l-Awtur | Segretezza Personali | Disclaimer | Mistoqsijiet Komuni | Għajnuna | Ikkuntattjana