|
Is-Segretarjat dwar l-EU jikkoordina x-xogħol preparatorju għall-Kumitat
tal-Kabinett dwar l-Affarijiet ta’ l-EU u l-Kumitat Inter-Ministerjali dwar
l-Affarijiet ta’ l-EU. Is-Segretarjat għandu r-responsabbiltà li jiżgura li
dawn il-Kumitati għandhom l-informazzjoni li jeħtieġu biex ikunu jistgħu
jiddeċiedu fil-pront skond il-bżonn dwar kwalunkwe ħaġa relatata ma' l-Unjoni
Ewropea. Is-Segretarjat hu responsabbli wkoll biex jiżgura li Malta
tipparteċipa b’mod attiv u effettiv fil-Kunsilli Ministerjali, kumitati,
working parties u working groups ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod
partikolari billi jara li titfassal pożizzjoni Maltija għal kull waħda minn
dawn il-laqgħat li tkun taqbel mal-politika nazzjonali tal-gvern.
Minbarra li jipprovdi appoġġ lil dawn il-kumitati, is-Segretarjat dwar l-EU
għandu żewġ funzjonijiet ewlenin. L-ewwel funzjoni hi li jwieġeb b’mod
koordinat u fil-ħin fejn ikun hemm bżonn li tittieħed deciżjoni fuq talba minn istituzzjoni ta’ l-EU li titwassal
mir-Rappreżentazzjoni Permanenti ta’ Malta fl-EU fi Brussell. It-tieni funzjoni tas-Segretarjat hi li jiffinalizza linji ta’ gwida u
struzzjonijiet għall-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Kabinett dwar l-Affarijiet
ta’ l-EU meta dawn jikkonċernaw laqgħat tal-Kunsill kif ukoll laqgħat
tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (COREPER) u kumitati oħra
mwaqqfa mit-Trattati.
Is-Segretarjat dwar l-EU għandu wkoll ir-responsabbiltà li jara li
l-informazzjoni tiċċirkola b’mod konsistenti u effettiv bejn ir-Rappreżentazzjoni
Permanenti ta’ Malta fl-EU u l-ministeri tal-Gvern li għandhom responsabbiltà
ewlenija jew sekondarja għal oqsma partikolari. Is-Segretarjat jieħu ħsieb
jidentifika u jsolvi il-problemi li jistgħu jinqalgħu fejn ikun hemm issues
mifruxa fuq ministeri jew dipartimenti differenti. Fl-aħħarnett, is-Segretarjat
dwar l-EU għandu r-responsabbiltà li jissorvelja it-twettiq tal-liġijiet ta’
l-EU fiż-żmien miftiehem, kemm bħala t-tfassil ta' liġijiet lokali kif ukoll
l-implimentazzjoni tagħhom.
|
Ms Graziella Pullicino
Aġent Kap, Segretarjat dwar l-EU
Graziella Pullicino ngħaqdet
mas-Segretarjat għan-Negozjati ma' l-EU fi Frar ta' l-2000. Ms Pullicino serviet bħala
Koordinatriċi tan-Negozjati matul in-negozjati biex Malta tidħol
fl-Unjoni Ewropea.
|
|
|