Is-Servizz Pubbliku huwa l-qalba tal-mekkaniżmu
permanenti li bih il-Gvern jamministra l-pajjiż. Il-missjoni tas-Servizz
Pubbliku hi li:
-
Jagħti pariri dwar policy lill-Gvern
-
Iwettaq il-policies tal-Gvern u jamministra l-liġi
b’mod effiċjenti u effettiv
-
Joffri servizzi lill-pubbliku b’imparzjalità, b’korteżija u
mingħajr żbalji.
Is-Servizz Pubbliku hu parti mill-qasam usa’ tas-settur pubbliku,
imma t-tnejn m’humiex l-istess ħaġa. L-impjegati tas-Servizz Pubbliku
(jew kif jissejħu fil-liġi, uffiċjali pubbliċi) huma ngaġġati taħt
l-awtorità tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, ġeneralment iservu
fil-ministeri u d-dipartimenti tal-Gvern, u huma suġġetti għal qafas
komuni ta’ regoli.
Is-settur pubbliku jinkludi wkoll korporazzjonijiet pubbliċi, awtoritajiet
imwaqqfin skond il-liġi, u entitajiet oħra li m’humiex parti mis-Servizz
Pubbliku. Ngħidu aħna, għalliema fi skejjel statali huma uffiċjali
pubbliċi; lecturers fl-Università m’humiex. Il-Korp tal-Pulizija
wkoll hu parti mis-Servizz Pubbliku, imma l-Forzi Armati ta’ Malta
le.
F’dawn l-aħħar għaxar snin is-Servizz Pubbliku għadda minn programm
estensiv ta’ riformi bil-għan li jsir aktar effiċjenti u aktar kapaċi
jwieġeb għall-ħtiġiet tal-Gvern u tal-pubbliku. Is-Servizz kien
minn ta’ quddiem f’Malta fl-użu ta’ l-informatika. Is-Servizz għandu
infrastruttura teknoloġika mill-aktar avvanzata u li serviet
ta’ bażi biex fuqha jinbena l-electronic
government. Grazzi għal dan l-investiment fl-informatika,
kif ukoll għall-inizjattiva tal-Quality
Service Charters, il-livell tas-servizz offrut lill-pubbliku
qed jitjieb. Uffiċċjali pubbliċi għolja jinħatru fil-karigi tagħhom
għal żmien limitat li jista’ ma jiġġeddidx jekk dawn l-uffiċjali
ma jiksbux riżultati konkreti fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Is-Servizz Pubbliku joffri lill-impjegati prospettivi ambjent tax-xogħol
dinamiku b’varjetà ta’ xogħol u b’potenzjal għall-iżvilupp personali
li ma ssibx bħalhom fil-pajjiż.
Ir-riformi għadhom għaddejjin, imma s-Servizz Pubbliku diġà wera
li hu kapaċi jadatta ruħu u jikseb ir-riżultati mistennija minnu.
Ngħidu aħna, is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea
ħolqot volum qawwi ta' xogħol fil-ministeri u d-dipartimenti sew
qabel u sew wara l-isħubija. Is-suċċess li bih twettaq dan il-programm juri li l-uffiċjali
pubbliċi Maltin kapaċi jħabbtuha ma’ uffiċjali ta’ kwalunkwe pajjiż
Ewropew. Dan ħareġ ċar ukoll fil-laqgħat li jkollhom uffiċjali pubbliċi
Maltin fi Brussels u mkejjen oħra.
Il-bidla hija proċess kontinwu u liġi li bħalissa qegħda quddiem
il-Parlament tipproponi żviluppi ġodda. L-abbozz imsejjaħ Att
dwar l-Amministrazzjoni Pubblika taħseb biex issaħħaħ
it-tmexxija tas-Servizz Pubbliku u tintroduċi iżjed flessibilità
fl-immaniġġjar tad-dipartimenti tal-Gvern. L-abbozz jipproponi
qafas legali għall-organizzazjoni u l-immaniġġjar tas-Servizz.
L-abbozz jipprovdi għal:
-
it-tisħiħ tat-tmexxija tas-Servizz Pubbliku, b’definizzjoni ċara
tas-setgħat tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u tas-Segretarji
Permanenti individwali;
-
devoluzzjoni tas-setgħat ta’ tmexxija lill-kapijiet tad-dipartimenti,
taħt l-iskrutinju tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku;
-
il-ħolqien ta’ Servizz Eżekuttiv Anzjan li se jiġbor fih il-managers
anzjani kollha fis-Servizz.
L-abbozz telenka l-valuri ta’ l-amministrazzjoni pubblika u tagħti
bażi legali lill-Kodiċi ta’ Etika għall-impjegati pubbliċi. L-abbozz
jagħmilha ċara li sew il-valuri u sew il-Kodiċi huma nforzabbli
permezz ta’ proċeduri ta’ dixxiplina. Fih dispożizzjoni wkoll dwar
il-ħarsien ta’ min jirrapporta abbużi min-naħa ta’ mpjegati oħra.
L-abbozz japplika wkoll għall-entitajiet pubbliċi li mhumiex parti
mis-Servizz Pubbliku. Jispeċifika li l-valuri ta’ l-amministrazzjoni
pubblika u l-Kodiċi ta’ Etika japplikaw għal dawn l-entitajiet.
Joħloq Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Mertu li għandu jara li l-ħatriet
f’dawn l-entitajiet jimxi skond il-prinċipju tal-mertu. L-abbozz
jaħseb ukoll għall-ħolqien ta’ aġenziji, li huma forma ġdida ta’
organizzazzjoni li tgħaqqad il-flessibilità maniġerjali ma’
mekkaniżmi b’saħħithom ta’ kontabilità.
|