Dott. Lawrence Gonzi inħatar Prim Ministru fit-23 ta’ Marzu 2004 wara li serva bħala
Speaker mill-1988 sa l-1996, bħala Ministru minn Settembru 1998 ’il quddiem u Viċi Prim Ministru
minn Mejju ta’ l-1999.
Dott. Lawrence Gonzi twieled il-Belt fl-1 ta’ Lulju 1953. Studja l-liġi
fl-Università ta’ Malta u ggradwa fl-1975. Ħadem bħala avukat mill-1975 sa l-1988.
Bejn l-1989 u l-1997 kien chairman ta’ kumpanija kummerċjali rinomata fis-settur privat.
Dott. Gonzi ilu attiv fis-settur tal-volontarjat u fl-għaqdiet mhux governattivi sa
mill-1976, l-iżjed fl-oqsma tad-diżabilità u s-saħħa mentali. Hu okkupa l-kariga ta’
President Ġenerali ta’ l-Azzjoni Kattolika Maltija mill-1976 sa l-1986.
Dott. Gonzi kien elett Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Ottubru 1988. F’April ta’
l-1992 reġa' ġie elett unanimament Speaker għas-Seba’ Leġislatura (1992–1996).
Dott. Gonzi kkontesta b’suċċess l-elezzjoni ġenerali ta’ Ottubru ta’ l-1996 kif ukoll
dawk ta’ l-1998 u l-2003. Nħatar Whip tal-Partit fl-Oppożizzjoni, Segretarju tal-Grupp
Parlamentari u Shadow Minister għall-Politika Soċjali fl-1996. Inħatar Ministru għall-Politika
Soċjali u Kap tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Settembru ta’ l-1998.
Dott. Gonzi serva bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista minn Frar ta’ l-1997,
sakemm ġie elett Viċi Kap tal-partit fl-1999. Wara nħatar Viċi Prim
Ministru. Hu żamm il-karigi ta’ Ministru għall-Politika Soċjali,
Kap tal-Kamra u Viċi Prim Ministru sa Marzu ta’ l-2004 meta ġie elett kap
tal-Partit Nazzjonalista u, ftit wara, inħatar Prim Ministru.
Dott. Lawrence Gonzi hu miżżewweg lil Catherine née Callus u għandhom tlett itfal,
David, Mikela u Paul.
|