Ġieħ ir-Repubblika hija xirka ta’ ġieh magħmula
minn imseħbin u mseħbin onorarji ta’ meritu eċċezzjonali f’servizz
lejn Malta jew lejn l-umanità. Il-motto tax-Xirka huwa
“Għall-Ġid tal-Maltin”.
Ċittadini Maltin biss jistgħu jiġu maħtura bħala mseħbin tax-Xirka,
iżda ċittadini distinti ta’ pajjiżi oħrajn jistgħu jinħatru bħala
mseħbin onorarji tax-Xirka. Minbarra l-imseħbin onorarji, in-numru
ta’ mseħbin ġodda tax-Xirka ma jistax ikun iżjed minn tlieta kull
sentejn, u l-għadd ta’ l-imseħbin huwa limitat għal għoxrin. Meta
dan in-numru jintlaħaq, il-ħatriet jistgħu jsiru biss meta tinħoloq
vakanza.
Imseħbin jew imseħbin onorarji tax-Xirka huma ntitolati skond il-Liġi
li jġibu l-ittri S.Ġ. (Sieħeb il-Ġieħ) wara isimhom.
|